Archive for November, 2001

Ċirkulari 409/2001 (28 ta’ Novembru 2001)

Nru. 409/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Hija xewqa ħerqana tal-Missier tagħna l-Papa, li nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Diċembru, 2001 fil-Knisja Kattolika tinżamm bħala ġurnata ta’ talb speċjali għall-Paċi.  Huwa jixtieq li f’dan il-jum mhux biss isir talb, iżda wkoll xi għemil ta’ penitenza u tingħata karità, sabiex naqilgħu minn għand Alla l-għajnuna u l-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza ta’ kull għamla li jitwettqu f’diversi nħawi tad-dinja, il-konverżjoni ta’ dawk li huma responsabbli għall-atti ta’ vjolenza u l-paċi vera u dejjiema ma’ kullimkien.

Nirrikmandawlkom għalhekk li fid-dioċesi tagħna fl-14 ta’ Diċembru ssir il-Quddiesa għall-paċi fid-dinja (ara Is-Sagramentarju Malti, p. 905-906 jew  Ċelebrazzjoni għall-Paċi fid-dinja, 1 ta’ Diċembru 1989 – kopja ta’ din tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju Liturġiku tal-Kurja). Fl-istess jum għandha  tinżamm ukoll ġurnata adorazzjoni .  Nistieden lil dawk li jistgħu jsumu biex f’dan il-jum jagħmlu ġurnata sawma jew xi att ta’ penitenza oħra.  Nixtieq anke li jintbgħatu offerti lir-Respite Centre, Arka Foundation, ta’ Għajnsielem biex ikun jista’ jkompli l-missjoni fejjieda tiegħu.

Alla tas-sliem jseddaqkom f’kollox u jimliekom b’kull barka.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  28 ta’ Novembru 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 408/2001 (2 ta’ Novembru 2001)

Nru. 408/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Saċerdoti, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Minn qalbi nrodd ħajr lil Alla li tani l-grazzja li għal darb’oħra nieħu sehem fis-Sinodu tal-Isqfijiet, fl-għaxar Assemblea Ġenerali tiegħu li bdiet fil-Vatikan fit-30 ta’ Settembru, 2001 u għalqet fis-27 ta’ Ottubru.  Nirringrazzja wkoll lilkom għat-talb li għamiltu għalija u għas-suċċess tas-Sinodu, kif kont stedinkom fiċ-ċirkulari (407ċ2001) tal-25 ta’ Settembru li għadda. Sadattant il-messaġġ tal-isqfijiet li ħadu sehem fis-Sinodu għandu jiġi ppublikat fl-Atti tal-Kurja biex jasal ukoll f’idejkom. Nittamaw li bl-interċessjoni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, li għandha irrikorrejna matul Ottubru bit-talba tar-Rużarju, il-Mulej joħroġ mis-Sinodu frott kotran għad-Djoċesi tagħna u għall-Knisja universali.

Qegħdin issa fix-xahar ta’ Novembru, li matulu, skond drawwa antika tal-Knisja, inżuru ċ-ċimiterji u nagħmlu talb speċjali għall-erwieħ tal-Purgatorju.  Ninqeda b’din l-okkażjoni biex inħajjarkom toffru suffraġju għalihom bis-sagrifiċċju tal-Quddiesa, bit-talb, bil-karità u b’kull mezz ieħor, kif tirrikmandalna l-Knisja.

Huwa dmir tagħna wkoll li niftakru fit-talb tagħna f’dawk li ġew maħsudin ħesrem bil-minġel tal-mewt, bħal ma huma dawk li ntlaqtu b’mewt għal għarrieda ħaġa li tiġri ta’ spiss u din l-aħbar iġġibilna swied il-qalb. Ta min isemmi hawnhekk l-inċidenti serji tat-traffiku, għax dawn ukoll iħallu l-vittmi tagħhom meta xi ħadd jindarab b’mod gravi jew jisfa’ maqtul, minħabba xi ħabta jew żball fis-sewqan.

Fuq din il-problema, jiena kont ktibt ċirkulari oħra, xi snin ilu, cioè fis-16 ta’ Novembru, 1996 (Ċirkulari nru. 347ċ96).  Fiha fost l-oħrajn kont għidt kelma ta’ twissija “lis-sewwieqa kollha, sabiex jagħrfu sewwa d-dmir li għandhom fil-kuxjenza, li jużaw kontinwament l-għaqal u l-prudenza biex jevitaw kull azzjoni u kull omissjoni fis-sewqan li tista’ tipperikola l-ħajja ta’ l-oħrajn jew tagħhom infushom.” Dan id-dmir ġej mhux biss mil-liġi ċivili, u għalhekk huwa reat ċertu sewqan bla rażan, iżda d-dmir ġej ukoll mil-liġi ta’ Alla li tgħidilna: “La toqtolx”, cioè irrispetta l-ħajja tiegħek u ta’ ħaddieħor.  Iżda milli jidher minn dak iż-żmien sal-lum l-inċidenti fuq it-toroq ma naqsux, imma saru iktar frekwenti u serji.

Wara konsultazzjoni xierqa, ħsibt li nibdew inżommu fid-Djoċesi tagħna Jum il-Vittmi tat-Traffiku.  Dan bil-għan li nqanqlu kuxjenza dwar is-sewqan, sabiex kemm is-sewwieqa kif ukoll dawk li jimxu fit-triq jiftħu għajnejhom u jevitaw il-ħsarat u t-telfiet li jistgħu jiġru.  Nixtieq ukoll li f’dan il-jum, kif ukoll matul is-sena kollha jsir talb u suffraġġi oħra għall-vittmi ta’ l-inċidenti stradali, speċjalment dawk li ħallew din id-dinja.

Ser niċċelebraw quddiesa b’din l-intenzjoni fil-Bażilka ta’ Pinu u nistieden lil kulħadd, speċjalment il-qraba ta’ dawk li mietu f’inċidenti stradali, sabiex jieħdu sehem u jitolbu għall-għeżież tagħhom.  Il-Jum il-Vittmi tat-Traffiku ser jinżamm f’Għawdex nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Novembru,  2001, u l-motto għas-sena ser ikun “Wara l-mewt, l-eternità.”

Nirrikmandakom lil Alla, biex jieqaf magħkom, iħariskom minn kull periklu, u jsawwab fuqkom il-Barka tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  2 ta’ Novembru 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex