Archive for September, 2001

Ċirkulari 407/2001 (25 ta’ Settembru 2001)

Nru. 407/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet għal darba oħra ser jiltaqa’ fil-Vatikan biex jiddiskutu dwar il-ministeru ta’ l-Isqof fil-Knisja u fid-dinja ta’ llum. Din hija l-għaxar Assemblea Ġenerali Ordinarja tiegħu. Ser jinfetaħ fit-30 ta’ Settembru u jagħlaq fl-aħħar ġranert tax-xahar ta’ wara. Is-suġġett tiegħu ser ikun: “L-Isqof qaddej tal-Vanġelu ta’ Ġesu Kristu għat-tama tad-dinja.”

Nixtieq ukoll ngħarrafkom li jiena ġejt magħżul bħala delegat tal-Konferenza Episkopali Maltija u għalhekk bi ħsiebni nieħu sehem fil-laqgħat ta’ dan is-Sinodu.

Huwa mistenni li mis-Sinodu joħroġ frott ta’ ġid spiritwali għall kull djoċesi u għall-Knisja Universali. Ta’ min iżid jgħid ukoll li s-suġġett ta’ din id-darba huwa interessanti ħafna għaliex żgur jixħet dawk ġdid fuq ir-rwol ta’ l-Isqof u l-impenn tiegħu għal bini tas-Saltna ta’ Kristu.

Nirrikmandalkom għalhekk li f’dawn il-ġranet titolbu għas-suċċess tal-laqgħat tas-Sinodu u titolbu għalija wkoll biex il-Mulej jieqaf miegħi f’din il-ħidma.

Ninqeda b’din l-okkażjoni biex infakkarkom fid-devozzjonijiet tax-xahar ta’ Ottubru u nħeġġiġkom tgħidu r-Rużarju Mqaddes. Bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka nitolbu l-Mulej jbiegħed minna u mid-dinja l-perikli tal-gwerra u niftakru wkoll fit-talb tagħna fil-vittmi tal-istraġi ta’ New York, li ġrat ftit żmien ilu.

Il-Mulej Alla jżommna lkoll taħt il-ħarsien tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum 25 ta’ Settembru 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 406/2001 ( 8 ta’ Settembru 2001)

Nru. 406/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Jista’ jiġri li fis-sajf, waqt li nkunu aljenati fil-mistrieħ tal-vaganzi tagħna ma nintebhux b’ċerti ġrajjiet importanti għall-ħajja tal-Knisja li jseħħu f’dak il-perjodu.

Dan nistgħu ngħiduh dwar il-laqgħa Internazjonali bit-tema ta’ Le Frontiere del Dialogo ta’ rappreżentanti tar-Reliġjonijiet differenti li nżammet f’Barċellona fi Spanja, recentament cioe’ fil-ġranet 2-4 ta’ Setembru 2001.

Il-ħidma sabiex dawk kollha li jemmnu f’Alla jersqu iktar lejn xulxin u jaħdmu flimkien saret iktar intensa matul is-seklu li għadda.  Wieħed mid-Digrieti tal-Konċilju Vatikan II huwa dedikat proprju għal din il-problema “Nostra Aetate”.

Barra mill-moviment ekumeniku imsemmi fid-Digriet Unitatis Redintegratio li jħabrek għall-għaqda ta’ insara kollha, cioe’ ta’ dawk li huma mgħammdin u jemmnu fi Kristu, hemm wkoll l-impenn ta’ dawk li jemmnu f’Alla wieħed li għalenija jaħdmu sabiex fid-dinja jkun hawn iżjed ġustizzja, rispett reċiproku, fraternita, solidarjeta u paċi.  Hija minn  ta’ quddiem f’dan il-kamp, il-Komunità ta’ Sant’Eġidju ta’ Ruma li organizzat l-inkontru internazjonali li semmejna.

Fost ħwejjeġ oħra id-Digriet Nostra Aetate(nru.2) jafferma li: “Il-Knisja tħeġġeġ lil uliedha biex, waqt li jkunu xhieda tal-fidi u tal-ħajja nisranija, jagħrfu, iħarsu u jġibu ‘l quddiem dawk il-valuri spiritwali, morali u soċju-kulturali li jinsabu fost il-membri tar-reliġjonijiet l-oħra u dan jagħmluh bi prudenza u bl-imħabba, permezz tad-djalogu u tal-ħidma flimkien magħhom.”

Jixraq li ż-żewġ digrieti konċiljari   Unitatis redintegratio u Nostra Aetate jkunu magħrufin aħjar mill-insara tagħna speċjalemnt il-membri tal-Għaqdiet kattoliċi. Għandha tkun ħafna għall-qalbna il-kawża ta’ l-unità fost il-knejjes insara u d-djalogu fost ir-reliġjonijiet, sabiex l-ekumeniżmu jimxi dejjem iktar ‘l quddiem u jissaħħaħ kif hija x-xewqa tal-Papa Ġwanni Pawlu II imfissra diversi drabi u b’ħafna modi matul il-pontifikat tiegħu.

Bl-interċessjoni tal-Omm tagħna Marija Santissima, l-Mulej Alla jsawwab fuqkom kotra ta’ grazzji.

Mogħtija mill-Kurja Veskovili,
Vittorja, Għawdex
Illum  8 ta’ Settembru 2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex