Archive for March, 2001

Ċirkulari 404/2001 (16 ta’ Mejju 2001)

Nru. 404/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għadu jidwi fi qlubna l-ferħ spiritwali li ġarrabna f’dawk il-ftit siegħat li fihom il-Papa kien fostna, bħala Missier fost uliedu. Iżda ma tkunx ħaġa sewwa li dak l-entużjażmu qaddis ta’ eluf ta’ Maltin u ta’ Għawdxin jgħaddi u jintemm fix-xejn. Hemm bżonn li l-miġja tal-Papa f’pajjiżna u l-beatifikazzjoni ta’ tlieta minn fost ħutna, Dun Ġorġ, Nazju Falzon u Adeodata Pisani, jħallu fostna frott kotran ta’ qawmien spiritwali. Għal dan l-iskop, tinħass ħafna l-ħtieġa ta’ “follow-up” taż-żjara pastorali tal-Papa, jiġifieri għandu jkun hemm xi attivitajiet jew ħidmiet li jgħinuna biex nersqu iktar lejn Kristu u ngħixu aħjar l-ħajja nisranija tagħna.

Il-Kumitat organizzativ għandu f’moħħu li jwettaq attivitajiet ta’ din l-għamla, jiġifieri ħa ħsieb mhux biss li jħejji minn qabel dak li kellu x’jaqsam mal-viżta pastorali tal-Papa, iżda jrid jwettaq ukoll “il-follow-up” tagħha.

Bħala waħda minn dawn l-attivitajiet, huwa pjaċir tiegħi ngħarrafkom li fix-xahar ta’ Ġunju, f’dati li jiġu mħabbra iktar il-quddiem, għandhom jinġabu f’Għawdex il-fdalijiet tal-Beatu Nazju Falzon sabiex l-Għawdxin ikunu jistgħu jatuħ il-qima tagħhom u jitħajjru jsiru jafu iktar dwar qdusitu.

Nixtieq nissuġerixxi wkoll li fil-knejjes u possibilment anki fil-familji ssir in-Novena ta’ l-Ispirtu s-Santu billi jingħad it-talb għall kull ġurnata. Jista’ jiġi użat il-ktejjeb “Novena lill-Ispirtu s-Santu” maħruġ fl-1998 mill-Kumitat Djoċesan tal-Ġublew il-Kbir, jew xi talb ieħor simili. Din in-novena tibda nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju. F’Għid il-Ħamsin, li huwa Jum l-Apostolat tal-Lajċi għandha tingħad it-talba tal-lajċi u ssir il-konsagrazzjoni tagħhom.

Bħala parti mill-qawmien spiritwali huma rrikmandati wkoll dawk l-attivitajiet li huma msemmija fil-ktieb l-ieħor li jġib l-isem “Biex jinkiseb iktar frott mill-Ġublew. Riflessjonijiet prattiċi għall-Qawmien Spiritwali.”

Hija xewqa tiegħi li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mħeġġin sabiex jidraw iwettqu l-opri tajba li Kristu jistenna minn għandhom bħala dixxipli tiegħu.

L-Ispirtu s-Santu jsawwab fuqkom id-doni tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum 16 ta’ Mejju 2001
Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex