Archive for February, 2001

Ċirkulari 400/2001 (6 ta’ Frar 2001)

Nru. 400/2001

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara

Il-Vista Pastorali hija drawwa antika fil-Knisja ta’ Kristu kemm fil-Lvant u kif ukoll fil-Punent.  Madanakollu  għadha utli u meħtieġa anke għaż-żminijiet ta’ llumġ difatti l-kanoni 396 par.1 tal-liġi ekkleżjastika jsemmi l-obbligu ta’ l-Isqof li jżur id-djoċesi tiegħu

Matul il-Vista Pastorali l-Isqof  barra milli jieħu sehem f’xi ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-parroċċi, jkollu okkażjoni jiltaqa’ mal-Kleru u mar-Reliġjużi kif ukoll mal-Lajċi impenjati fl-apostolat ħalli jgħaraf aħjar il-problemi tagħhom, jagħmlilhom il-kuraġġ biex iwettqu l-ħidma tagħhom għal bini tas-Saltna t’Alla.

Nixtieq ngħarrafkom għalhekk li bil-għajnuna t’Alla għandi fi ħsiebi nagħmel is-seba’ Vista Pastorali tiegħI fid-Djoċesi Għawdxija u li din tibda fl-ewwel ħadd tar-Randan fl-4 ta’ Marzu 2001 fil-Kattidral u wara tkompli fil-parroċċi, fil-knejjes u fil-postijiet li jiddependu minni.

Is-sena l-oħra kien ġie imħejji u approvat il-Pjan Pastorali Kwinkwennali 2001-2005 bl-isem Evanġelizzazzjoni Ġdida fil-bidu ta’ Millennju Ġdid.  Matul din il-Vista Pastorali beħsibni nżomm quddiem għajnejja dan il-Pjan u li nagħmel verifika biex inkun naf xi twettaq minnu u x’għadu ma twettaqx.

Waqt li tkun  issir il-Vista Pastorali fil-Parroċċi jiena nixtieq li nieħu sehem fil-laqgħa tal-Presbyterium Parrokjali, tal-Kunsill Parrokjali u tal-Kumitati għal ħidmiet pastorali.

Jixraq li kull saċerdot jsib ftit tal-ħin biex jiltaqa miegħi jew ma’ xi wieħed mill-konviżitaturi biex jitkellem dwar il-ħajja spiritwali tiegħu nnifsu jew dwar il-ħidmiet pastorali afdati f’idejh.  Il-laqgħa miegħi tista’ ssir jew fil-parroċċa meta niġi għall-vista ta’ l-oġġetti sagri jew il-Kurja t’Għawdex fil-ħinijiet ta’ l-uffiċċju jew fi kwalunkwe okkażjoni oħra.  Huwa importanti wkoll li matul  il-Vista nżur l-iskejjel speċjalment dawk li huma tal-Knisja kif ukoll postijiet oħra fejn isir tagħlim reliġjuż.

Il-quddiem tirċievu direttivi oħra li għandhom x’jaqsmu mal-Vista Pastorali.

Jiena nistenna li għal ġid tal-komunità kattolika ta’ għiritna intom tagħtuni l-kooperazzjoni lejali tagħkom kif ukoll li tgħinuni bit-talb għas-suċċess tal-Vista Pastorali.

Il-Mulej ir-Ragħaj it-tajjeb iseddaqkom f’imħabbtu.

            Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum,  6 ta’ Frar  2001

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex