Nru. 396/2000
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Nhar l-Erbgħa, 1 ta’ Novembru 2000, jkunu għaddew ħamsin sena, minn mindu l-Papa Piju XII, fil-Kostituzzjoni Apostolika Munificentissimus Deus ipproklama d-domma tal-Assunta, cioè li l-Imqaddsa Verġni Marija fi tmiem ta’ ħajjitha ġiet imtellgħa fis-sema bi-ruħ u bil-ġisem.
Kif naqraw fil-Lumen Gentium (n.68) tal-Konċilju Vatikan II “L-Omm ta’ Ġesu fis-sema, fejn hi diġà fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, hija l-bidu u x-xbieha tal-Knisja kif għad tkun ipperfezzjonata fiż-żmien li ġej, hekk ukoll hija fuq din l-art, sakemm jasal jum il-Mulej.”
Marija imtellgħa fis-sema hija “l-ikona” eskatoloġika tal-Knisja. Hija x-xbieda u l-għelm ta’ dik il-glorja li għaliha huwa msejjaħ u mistieden biex isir kull wieħed mill-komunita’ ta’ dawk li jemmnu.
Bħala wlied devoti ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, nħossu li għandna nagħmlu xi ħaġa biex infakkru din ir-rikorrenza tal-ħamsin sena mid-definizzjoni tad-domma tal-Assunta.
Fil-ġranet ta’ qabel l ta’ Novembru, fil-parroċċi ser ikun hemm tridu ta’ tliet priedki jew omeliji, li fihom jingħata tifsir tad-dokument li bih il-Papa Piju XII ipproklama d-domma ta’ l-Assunta.
Nistieden wkoll lill-insara ta’ din id-Djoċesi sabiex fl-ewwel ġranet ta’ Novembru, iżuru għall-inqas wieħed mis-Santwarji ddedikati lill-Assunta li għandna fi għiritna u hemm jitolbu għall-ħtiġijiet tal-Knisja u ta’ pajjiżna. Jekk iżuru dawn is-Santwarji cioè il-Kattidral, iż-}ebbuġ u ta’ Pinu, jgħidu l-Kredu u josservaw il-kondizzjonijiet l-oħra, jistgħu jirbħu wkoll l-indulġenza Plenarja tal-Ġublew.
Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija imtellgħa s-sema il-Mulej jimliekom bit-tama tal-qawma mill-imwiet u jgħatikom il-barka tiegħu.
Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 16 ta’ Ottubru 2000
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex