Nru. 394/2000
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.
Fl-okkażjoni tal-festi ta’ Marija Bambina li ser jinżammu fil-Bażilika Kolleġġjata tax-Xagħra fl-ewwel ġranet ta’ Settembru, għandha tinġab għal darb’oħra minn Sirakuża, r-relikwija tad-dmugħ ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija biex imbagħad tinġarr ukoll fil-purċissjoni mat-toroq tar-raħal.
Is-sentimenti li għandha tnissel f’qalbna d-dehra tar-relikwija tad-dmugħ tal-Madonna taqbel ħafna maż-żminijiet tal-Ġublew li huma żminijiet ta’ riflessjoni u talb lil Alla biex iħollna minn dnubietna.
“Ħenjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew” qalilna Ġesù (Lq.6,21). Il-Madonna kienet innoċenti, ma kellhiex dnubiet biex tibkihom u titlob maħfra tagħhom lil Alla, iżda aħna għandna ħafna ħtijiet u ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem it-twissija li jagħmlilna l-Imgħallem tagħna “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”(Mk.1,15). Jeħtieġ li aħna wkoll nissieħbu mal-Madonna u nitolbu magħha biex minn għand Alla naqilgħu l-maħfra ta’ dnubiet ta’ l-umanita’. Hija stess meta dehret fid-dinja, f’Lourdes u ġo Fatima, fakkritna fid-dmir tagħna li nitolbu u nagħmlu xi penitenza għall-konverżjoni tal-midinbin.
Id-dmugħ tal-Madonna jġibilna quddiem għajnejna l-kelmiet ta’ l-Apokalissi (Ap.7,17ġ21,4) li fil-Ġenna, lil Qaddisin “Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.” Din il-wegħda ssaħħaħ it-tama tagħna li wara ħajjitna f’din id-dinja Alla jagħtina l-premju ta’ dejjem.
Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija il-Mulej isawwab fuqkom il-grazzji u l-barkiet tiegħu.
Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 30 t’Awissu 2000
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex