Ċirkulari 391/2000 (22 ta’ Mejju 2000)

Nru. 391/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi insara.

Hija antika ħafna fost il-Maltin u l-Għawdxin id-devozzjoni lejn l-istatwa ta’ Kristu Redentur, li hija venerata fil-knisja Bażilika ta’ l-Isla. Bosta Għawdxin ta’ kull sena jsibu ż-żmien sabiex iżuru din ix-xbieha ta’ Kristu, bis-salib fuq spalltu u jħossu li minn dawn iż-żjajjar huma jiksbu ġid kotran għall-ħajja tar-ruħ u tal-ġisem tagħhom.

Issa fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-Sena 2000, din l-istatwa ser tiġi żżurna billi tinġieb fostna minn Malta u għal xi ġranet tibqa’ magħna biex nistgħu, b’inqas diffikulta’, nersqu lejn Kristu Redentur u nuru l-qima tagħna lejh.

Din il-miġja fostna ta’ l-istatwa tar-Redentur ta’ l-Isla, sejra sseħħ it-Tnejn u t-Tlieta, 29-30 ta’ Mejju 2000 b’tifkira tal-50 anniversarju mill-Konsagrazzjoni tas-Santwarju antik u devot tal-Immakolata Kunċizzjoni tal-Qala, u f’dawn il-jiem ser jinżammu xi funzjonijiet speċjali, skond programm imħejji apposta. Jien nistiedinkom sabiex ma tibqgħux lura imma tieħdu sehem bil-ħeġġa fil-funzjonijiet li ser isiru.

Nixtieq ukoll li d-devozzjoni tagħkom lejn ir-Redentur ma tkunx biss ħaġa sentimentali iżda li tinżel iktar fil-fond u tnissel fikom imħabba ġenwina lejn Kristu, li fdiena bil-Passjoni u l-Mewt u l-Qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet. Il-marka tal-Passjoni, li lil Kristu switlu tbatijiet hekk kbar, hemm bżonn li tibqa’ stampata f’qalbna. Huwa stess qalilna li “m’hemmx imħabba ikbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għall-ħbiebu”(Ġw 15,13). Dan propju li għamel Kristu, bil-Passjoni tiegħu: ta ħajjtu għall-imħabba tagħna, ħallas il-prezz tal-fidwa u b’hekk offrielna l-ħelsien mill-madmad tad-dnub u tax-xitan.

Forsi wasal l-ħin tajjeb biex nifhmu li t-tifkira tal-passjoni ta’ Kristu hija marbuta mill-qrib mad-devozzjoni tal-Madonna ta’ Pinu. Difatti Hija ħallietilna l-messaġġ li nitolbu f’ġieh il-pjaga moħbija li kellu Kristu fuq spalltu bit-toqol tas-salib. F’din il-pjaga, ukoll, flimkien mal-ħamsa l-oħra li ġarrab Kristu fil-passjoni tiegħu, jeħtieġ li niftakru f’dawn il-ġranet għeżież li fihom għandna magħna l-istatwa devota tiegħu.

Din it-tifkira għandha tqanqal f’qalbna indiema sinċiera ta’ dnubietna u proponimenti ta’ ħajja nisranija iktar imħeġġa u qrib lejn Alla.

Nitlob fuqkom il-Barka ta’ Kristu Redentur.

                                Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 22 ta’ Mejju 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex