Nru. 390/2000
NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX
Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi insara.
Ftit ilu ġejt informat li l-Komunità Agostinjana qegħda tagħmel it-tħejjijiet sabiex tfakkar b’ċelebrazzjonijiet xierqa l-ewwel ċentinarju mill-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Rita.
Għal dan il-għan ġie mwaqqaf kumitat apposta. Jiena nixtieq ningħaqad mar-Reliġjużi Agostinjani f’dan iċ-ċentinarju li sejrin jiċċelebraw biex flimkien inroddu ħajr lil Alla tal-grazzji kollha li huwa sawwab fuq artna u fuq id-dinja matul dan Iċ-ċentinarju, bl-interċessjoni ta’ Santa Rita ta’ Cascia. Fl-istess ħin irrid inħeġġeġ lill-insara ta’ għiritna biex matul din is-sena ġubilari jġeddu l-fiduċja u d-devozzjoni fervoruża tagħhom lejn il-“Qaddisa ta’ l-impossibbli.”
Santa Rita sa minn ċkunitha kellha qima kbira lejn Kristu msallab. Fl-istat taż-żwieġ hija tqaddset bit-taħriġ ta’ sabar erojku u ħafret minn qalbha lill-qattiel ta’ żewġha. Wara li romlot u mietu ż-żewġ uliedha subien, hija daħlet soru fl-ordni ta’ Sant’Wistin fejn għall-għaxar snin għaddiet ħajja ta’ penitenza u ta’ kontemplazzjoni. Mietet għan-nofs is-seklu ħmistax u ġiet iddikjarata qaddisa fl-1900 mill-Papa Ljun XIII.
Biex jiġi mfakkar dan iċ-ċentinarju tal-Kanonizzazzjoni tagħha, nhar il-Ħamis 18 ta’ Mejju fil-għaxija ser immexxi konċelebrazzjoni fil-Pjazza S. Wistin li għaliha nistieden kemm is-saċerdoti biex jikkonċelebraw miegħi, kif ukoll lill-insara l-oħra biex jieħdu sehem fiha. Wara jkun hemm pellegrinaġġ devozzjonali bl-istatwa ta’ Santa Rita.
Nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej Alla.
Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 5 ta’ Mejju 2000
Mons Salv Debrincat
Kanċellier
+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex