Archive for April, 2000

Ċirkulari 389/2000 (21 t’April 2000)

Nru. 389/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi insara.

Bi pjaċir tiegħi ngħarrafkom li s-37 Kungress Djoċesan tax-Xirka ta’ l-Isem Imqaddes t’Alla ser jinżamm nhar il-Ħadd, 7 ta’ Mejju 2000 fil-parroċċa tal-Munxar. Is-suġġett magħżul għal dan il-Kungress huwa “Jiena Magħkom Dejjem”(Mt 28,20). Nittamaw li peress li qegħdin fis-sena tal-Ġublew, ikun ikbar mis-soltu l-għadd ta’ dawk li jieħdu sehem fil-Kungress li semmejna.

Sadattant, nixtieq li fil-knejjes kollha tad-djoċesi jsir talb għas-suċċess tiegħu.

Huwa ferm importanti li jsir kull sforz biex inrażżnu l-vizzju tad-dagħa, li sfortunatament huwa hekk spiss f’pajjiżna.

Kristu li qam minn bejn l-imwiet jimliekom bil-paċi tiegħu.

                                Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 21 t’April 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 388/2000 (18 t’April 2000)

Nru. 388/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi insara.

Jixraq li ninformakom uffiċċjalment li, bil-għajnuna t’Alla, il-Pellegrinaġġ Djoċesan taħt it-tmexxija spiritwali tiegħi ser jitlaq lejn Ruma nhar it-Tnejn 24 t’April u jirritorna lura nhar it-Tnejn, 1 ta’ Mejju. Fil-ġranet, li fihom inkun nieqes mid-djoċesi, il- Locum Tenens ikun il-Vigarju Ġenerali Mons Ġiovanni B. Gauci.

Nixtieq minn għandkom li titolbu għalija, għas-saċerdoti li ser jieħdu sehem magħna f’dan il-Pellegrinaġġ u għall-pellegrini l-oħra sabiex niksbu l-ġid spiritwali li huwa l-għan ta’ dan il-vjaġġ tiegħi għal Ruma. Nirrikmanda wkoll it-talb sabiex il-Ġublew il-Kbir ikun suċċess, hekk li jġib għal kulħadd il-qawmien spiritwali li jistenna minnu l-Papa.

Nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej Alla.

Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 18 t’April 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex