Ċirkulari 387/2000 (26 ta’ Frar 2000)

Nru. 387/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi insara.

Nixtieq nerġgħa nfakkarkom illi s-sena 2000, skond ix-xewqa tal-Papa Ġwanni Pawlu II hija wkoll is-Sena tal-Ewkaristija. Jixraq għalhekk, li nippromovu dawk l-inizjativi kollha, li b’mod jew ieħor isaħħu u jkattru l-qima tagħna lejn is-Santissimu Sagrament. Ġew ippublikati ftit ilu r-riżoluzzjonijiet tal-Kungress Ewkaristiku Djoċesan li kien sar mit-13 sal-21 ta’ Novembru tas-sena l-oħra. Imiss issa lilna li nagħmlu ħilitna biex inwettquhom ħalli permezz tagħhom niksbu ħafna ġid għar-ruħ tagħna.

Wieħed mill-għanijiet tal-qima Ewkaristika huwa dak li noffru riparazzjoni jew tpattija għad-dnubiet tagħna u tal-bnedmin ħutna.

Huwa magħruf li fil-jiem tal-Karnival li dalwaqt ikunu magħna, ikunu iktar numerużi l-okkażjonijiet tad-dnub u ċerti nsara joffendu lil Alla, għaliex jiksru l-liġi tiegħu fil-publiku jew privatament, bi kliem li ma jixraqx, bl-ikel, u x-xorb żejjed u b’imġieba żienja, u ħwejjeġ oħra. Huwa dmir tagħna li ngħamlu tpattija lil Ġesù fl-Ewkaristija għall-offiżi li jsirulu fil-ġranet tal-Karnival.

Inħossu dmir tiegħi li nagħmel sejħa lill-insara ta’ din id-djoċesi sabiex ikunu moderati fid-divertiment tagħhom b’mod partikolari fil-jiem tal-Karnival, jikkontrollaw il-ġibdiet tagħhom għall-pjaċir, u jżommu ’l bogħod minn dak kollu li ma jixraqx lill-imġieba nisranija.

Nagħmel appell ukoll lill-Awtoritajiet tal-Pulizija sabiex ma jħallux li fil-Karnival jsiru indiċenzi fil-publiku, li l-anqas il-liġi tal-pajjiż ma tippermettihom barra milli huma affarijiet projbiti mil-liġi t’Alla u li jagħtu skandlu. Anki l-ħidma għall-prevenzjoni u t-trażżin tad-droga, jixraq li f’dawn il-ġranet tkun iktar intensa.

Nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej Alla.

                                Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 26 ta’ Frar 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex